top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

Kieku kont saħħar!

Kieku kont saħħar!

Ser inkompli naħdem mill-aħjar li nista’ għal bini ta’ soċjetà aktar umana, aktar ħanina u aktar inklussiva! Ftit tal-ġranet ilu, mara...

16/09/24

Not in our name

Not in our name

The government should reverse its cruel decision to deport the group of Ethiopians who have lived in Malta for the past 20 years. It...

05/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Robert Abela ma jistax jibqa’ ċass quddiem l-għoli tal-ħajja li qiegħda tolqot ħażin lil kulħadd

Jeħtieġ li l-Gvern ta’ Robert Abela ma jibqax jinjora l-karba ta’ ħafna nies dwar l-għoli tal-ħajja billi jindirizza l-kwistjoni b’mod uman u effettiv.


Credit: Shutterstock.com

“Fil-pajjiż hawn problema serja li qed tkompli tikber... din hi l-għoli tal-ħajja li fiha nnifisha qed tkompli tnaqqas mill-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.


“Inutli l-Gvern ta’ Robert Abela li jagħmel dak kollu li jista’ biex jinjora din il-problema meta din hija sitwazzjoni mill-aktar realistika li kull individwu u kull familja qed ikollhom iħabbtu wiċċhom magħha kuljum.


“Illum tmur tixtri u prodott ‘X’ issibu mmarkat mod. Tmur tixtri mill-istess ħanut il-ġimgħa ta’ wara u l-istess prodott ‘X’ issibu mmarkat ogħla. X’qed jiġri f’dan il-pajjiż? U għaliex il-Gvern ta’ Robert Abela mhux konxju minn dak li qed jiġri? Għaliex Robert Abela mhux kapaċi jikkontrolla l-għoli tal-ħajja?”


Din id-dikjarazzjoni għamilha ma’ Il-Mument id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg, li hu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Għoli tal-Ħajja.


Albert Buttigieg fisser li biex pajjiżna jibdel ir-rotta dwar il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja allura jrid jibda billi l-Gvern ta’ Robert Abela jkun umli biżżejjed li jibda jsaħħah dawk is-setturi kollha li kien bena u ġab Gvern Nazzjonalista.


Jeħtieġ li jinħoloq mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda li jimmiraw xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.


Hemm bżonn ukoll li l-allowance tal-COLA ma jkunx taxxabbli. Dan filwaqt li l-Gvern għandu jagħti inċentivi fiskali biex jikkumbatti għaż-żidiet tal-għoli tal-ħajja.


Barra minn hekk għandu jitwaqqaf Fond Nazzjonali b’baġit annwali lil min iħaddem biex jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta u dan biex jagħmel tajjeb għall-impatt tal-għoli tal-ħajja.


Albert Buttigieg kompla li kull stħarriġ li sar fl-aħħar żminijiet dejjem kien jindika li l-faqar f’pajjiżna qiegħed ikompli jiżdied u b’dan m’għandu jieħu gost jew pjaċir ħadd. “Anqas jekk ikollna madwarna persuna waħda biss li tkun tgħix fil-faqar m’għandna għalfejn nieħdu gost, aħseb u ara li jkollna għexieren ta’ eluf ta’ persuni li jew ikunu qed jgħixu direttament fil-faqar, jew inkella jkunu fir-riskju tal-faqar.”


Hu kompla, li min quddiem din ir-realtà kattiva jgħid mod ieħor, mhux qiegħed ikun onest mal-poplu Malti u Għawdxi.


Hu qal li hu apprezza dak li ftit tax-xhur ilu qal il-Ministru Clyde Caruana meta kien iddikjara li xirja li qabel kienet tiswa €220, din saret tiswa €290, żieda ta’ €70 aktar.


Fil-fatt jekk wieħed jara dak li hu magħruf bħala I-Harmonized Index of Consumers Prices, isib li, filwaqt li fl-2022 (is-sena l-oħra) ir-rata tal-għoli tal-ħajja kienet ta’ 4.2 fil-mija, din is-sena wara, preċiżament fi Frar li għadda, din telgħet għal 7 fil-mija.


Dan kollu seħħ minħabba żieda kemm fil-prodotti tal-ikel magħmula mill-ħalib, laħam u xorb mhux alkoħoliku u anke ż-żieda fl-ikel fir-restoranti.


Filwagt li qal li d-difensuri tal-Gvern jgħidu li din iż-żieda hija xorta inqas minn dik ta’ pajjiżi fl-Ewropa. Albert Buttigieg fisser li għalkemm dan huwa minnu imma dan ġej mill-fatt li l-Gvern qed jagħti sussidju qawwi fuq l-enerġija u l-feul. Fil-fatt, jekk jieqaf dan is-sussidju, ir-rata tal-inflazzjoni tkun ferm akbar.


Hu kompla li l-istess apoloġisti tal-Gvern għal dawn iż-żidiet fil-prezzijiet iwaħħlu fil-gwerra ta’ bejn l-Ukrajna u r-Russja.


Għalkemm dan huwa fattur li ma nistgħux ma neħdux inkonsiderazzjoni, imma wieħed ma jistax jibqa’ jinħeba warajh u jġibu bħala skuża.


Għalkemm il-Gvern Laburista dejjem jipprova jqabbel ir-rata tal-inflazzioni tagħna ma’ dik f’pajjiżi oħra Ewropej u donnu jwassal il-messaġġ biex tikkunslaw għaliex f’pajjiżi oħra huma ferm agħar, imma l-istess Gvern jonqos li jkompli jqabbel il-pagi/salarji/purchasing power ma’ ta’ ċittadini Ewropej ma’ tal-ħaddiema Maltin.


Hawnhekk hu qal li minn Mistoqsija Parlamentari li saret lill-Ministru Clyde Caruana, ħareġ li hawn 134,662 ħaddiem Malti li jibqagħlu inqas mill-paga medja ta’ €21,156 u dan qabel il-ħlas tat-taxxa/bolla!


Hu fisser li issa, skont stħarriġ mill-GWU/Alleanza Kontra l-Faqar/Graffiti, instab li koppja b’wild wieħed għandhom bżonn €25,746 biex ikollhom għajxien diċenti! Dan ifisser li hawn ħafna li qed iħossu l-għoli tal-ħajja.


Mhux biss. Fl-istħarriġ tal-NSO fl-2022 kien hawn 103,329 persuna f’riskju ta’ faqar u eskluzzjoni soċjali. U hawn toħroġ mhux biss l-inġustizzja soċjali imma anke l-ipokrezija tal-Gvern Laburista. Filwaqt li hawn min qiegħed mejjet għal qatra, hawn oħrajn li fi kliem xi ħadd ‘kulħadd qed jitħanżer’!


Hu kompla li min-naħa l-oħra l-Ministru Clyde Caruana stqarr li l-inflazzjoni mhix waħda għolja minħabba s-sussidju qawwi li l-Gvern qed jagħti fuq l-enerġija tad-dawl u l-fuel. Filwaqt li dan is-sostenn hu wieħed fil-prinċipju tajjeb u hemm pajjiżi oħra li qed jagħmlu dan, hu staqsa jekk is-sussidju ta’ miljuni hux wieħed sostenibbli, jiġifieri nistgħu nibqgħu naffordjawh għas-snin li ġejjin?


Hu staqsa wkoll jekk dan is-sussidju hux se jkompli jgħolli d-dejn nazzjonali li skont l-NSO reġa’ żdied ukoll? Staqsa jekk il-fatt li dan is-sussidju qed jingħata lil kulħadd – carpet approach – allura dan huwa ġust soċjalment?


Jekk se jitkompla jingħata lil kulħadd mhux se nwasslu l-messaġġ li ma hawnx problema ta’ enerġija u allura wieħed jibqa’ joħlom li kollox miexi sew meta fil-fatt mhux hekk, u dan jista’ jwassal għal ħala?


Albert Buttigieg fakkar li fil-manifest tal-PN, il-Partit kien wiegħed li jagħmel fond ta’ għajnuna lill-importaturi biex b’hekk jikkontrollaw l-ispejjeż tal-importazzjoni u dawn jispiċċawx iġġorruhom il-konsumatur. Nemmen li dan huwa mod wieħed biex jitrażżan l-għoli tal-ħajja fid-dawl li l-prodotti tagħna huma kważi kollha impurtati.


Ghajnuna lill-bdiewa u lir-raħħala biex ikollna l-prodott Malti. Barra li l-prodott tal-bdiewa/raħħal tagħna hu aktar bnin imma hu mod ieħor biex ikollna ikel orħos. Imma biex jiġri dan irridu mhux biss nagħtu s-sostenn lill-bdiewa u lir-raħħala imma wkoll inħarsu l-kampanja u l-ambjent!


Hu temm, li jidher ċar li l-għoli tal-ħajja qed jolqot fil-livell tal-għajxien taċ-ċittadini tagħna. Jihder ċar li hawn min hu mejjet għal qatra u hawn min hu mejjet fis-sakra.


Hi r-responsabbiltà tal-politiċi onesti li jaraw li min hu fis-sakra jieqaf jitħanzer u min hu mejjet għal qatra jingħata l-appoġġ kollu meħtieġ. Il-ħajja diċenti hi dritt u mhux pjaċir.



(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 4 ta' Ġunju, 2023)

33 views

Comments


BACK
bottom of page