top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Straġi f'San Patrizju

Huwa ġust u sew li waqt attività kummerċjali privata, jintużaw fondi pubbliċi biex jagħmlu tajjeb?



Il-ġimgħa li għaddiet kienet ġimgħa diffiċli għal diversi residenti f’San Ġiljan. Dan għaliex il-ġimgħa li għaddiet kienet iċċelebrata l-attività ta’ San Patrizju. Matul din il-‘festa’ huma diversi l-eluf li jiġu fostna u jispiċċaw jixorbu l-birra sakemm ma jarawx art!

Għalkemm ir-residenti ta’ San Ġiljan huma mdorrijin is-sena kollha b’diversi nies li jiġu biex jiddevertu, din l-attività qiegħda tkun, sena wara oħra, attività bla rażan u bla ebda responsabbiltà. Ir-residenti qegħdin jilmentaw li matul din il-‘festa’ mhux biss ma jkunux jistgħu jidħlu u lanqas joħorġu minn darhom, imma l-mużika tibqa’ tindaqq sa tard bil-lejl mingħajr ebda konsiderazzjoni għal dawk li huma anzjani jew morda. Residenti oħrajn jilmentaw minn ħmieġ li jitħalla waqt li residenti oħrajn jispiċċaw b’awrina u vomtu wara biebhom!

Nemmen bis-sħiħ li biex wieħed jieħu gost ma jistax idejjaq lil ħaddieħor. Ma jistax ikun li din il-‘festa’ tispiċċa okkażjoni biex kulħadd jagħmel li jrid u jġib ruħu kif irid! Min-naħa tal-Kunsill Lokali ma kienx qiegħed ikun sew lanqas li jispiċċa jħallas għal tindif u ġbir taż-żibel li jitħalla wara. Tajjeb li ngħid li s-sena l-oħra, il-Kunsill Lokali spiċċa biex ħallas mill-baġit tiegħu ’l fuq minn €3,000 biex naddaf mill-ġdid Pjazza Spinola u l-madwar tagħha. Dawn il-flus setgħu marru għal inizjattivi għall-ġid tal-komunità kollha.

Kien proprju għal din ir-raġuni li meta f’Ottubru li għadda l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan irċieva talba mingħand organizzatur privat li kien lest li jorganizza, bi spejjeż għalih, il-Kunsill Lokali qabel li jilqa’ din it-talba. Il-kunsillieri kollha – inkluż dawk tal-Partit Laburista – aċċettaw li dan l-organizzatur jieħu ħsieb jikkordina din l-attività. Imma l-Kunsill Lokali rabat lil dan l-organizzatur b’diversi kundizzjonijiet, fosthom li jitħallew operaturi oħra biex ikollhom bars barra, li jarma 30 mobile toilet, li jkun hemm ambulanza, membri tas-sigurtà u li jnaddaf mhux biss Pjazza Spinola imma l-madwar kollu. B’hekk il-Kunsill Lokali kien qiegħed iserraħ rasu li din l-attività kienet taħt ċertu kontroll u li kien se jkun hemm l-indafa mingħajr spejjeż għall-Kunsill.

Dak li ġara wara huwa storja magħrufa minn kulħadd. Il-Kunsill Lokali ħass li peress li din l-attività ma baqgħetx taħt il-kontroll tiegħu ma setax jidħol responsabbli għaliha u jispiċċa jnaddaf wara ħaddieħor. Huwa ġust u sew li waqt attività kummerċjali privata, jintużaw fondi pubbliċi biex jagħmlu tajjeb?

Tajjeb li ngħidu li ftit tas-snin ilu l-Kunsill tal-Furjana kien irrifjuta li jnaddaf fuq il-Fosos wara l-attività ta’ Isle of MTV. Il-Kunsill kien qal li mhux sew li mill-flus limitati li għandu, jispiċċa jħallas biex ħaddieħor jistagħna!

Tajjeb li wieħed jitgħallem għall-quddiem. L-ewwel ħaġa nemmen li jekk din l-attività trid tkun taħt ċertu kontroll, hemm bżonn li kulħadd ikun involut. Għalkemm din is-sena l-Kunsill Lokali ma kienx ħareġ sejħa pubblika u skont l-avukat tal-Kunsill seta’ jagħmel dan, nemmen li l-aħjar mod ikun jekk ikun hemm sejħa pubblika għal dawk li jixtiequ jorganizzaw din l-attività. It-tieni ħaġa li wieħed jista’ jgħid hija li jekk il-Gvern jemmen f’din l-attività, allura għandu jidħol responsabbli għaliha hekk kif jidħol responsabbli mill-attività ta’ Isle of MTV. It-tielet ħaġa hija li din l-attività ma għandhiex tibqa’ tiġi organizzata f’din il-lokalità. Jidher li din l-attività kibret ħafna biex tibqa’ sseħħ mingħajr ma r-residenti jispiċċaw minn taħt! Hekk kif attivitajiet simili, bħall-festivals tal-birra jew tal-inbid, spiċċaw jiġu organizzati f’postijiet oħra, wasal iż-żmien li din l-attività toħroġ minn San Ġiljan.

Din hija x-xewqa tal-maġġoranza tar-residenti tagħna.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 26 ta' Marzu, 2017)

0 views

Comments


BACK
bottom of page