top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Surplus

Għalkemm is-surplus ekonomiku huwa wieħed tajjeb, il-pajjiż għaddej minn defiċit etiku u morali!



Il-Gvern Laburista jiftaħar ħafna b’ekonomija li sejra tajba. Għalkemm dan huwa fatt, tajjeb li wieħed jgħarbel ftit x’inhuma r-raġunijiet li wasslu biex l-ekonomija tagħna tkun fis-sod. Wieħed żgur ma jistax ma jsemmix li l-Gvern Laburista qiegħed jaħsad dak li l-Gvernijiet Nazzjonalista b’tant determinazzjoni żergħu! Il-Gvernijiet Nazzjonalista b’sens qawwi ta’ responsabbilta’ lejn pajjiżna kienu ħadu deċiżjonijiet, xi wħud minnhom iebsa u mhux popolari, biex bnew il-pedamenti tal-ekonomija. Tajjeb li niftakru li l-Gvern Laburista kien għaref biżżejjed li jkompli jimxi u jibni fuq dak li sab. Tajjeb li niftakru li l-aħħar darba li l-Gvern Laburista kien fil-Gvern, jiġifieri fis-snin 70/80, il-viżjoni ekonomika tal-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien kienet waħda magħluqa u protettiva. Wieħed biżżejjed isemmi s-sistema tal-bulk buying u ċ-ċikkulata Deżerta bħala eżempji klassiċi ta’ ekonomija magħluqa. Għaldaqstant, l-ekonomija bħalissa sejra tajjeb għaliex il-Gvern Laburista ma baqax jimxi fuq principji ta’ ekonomija Soċjalista imma għaraf jilqa’ l-ekonomija ta’ suq miftuħ.

L-ekonomija sejra wkoll tajjeb għaliex il-klima internazzjonali marret għall-aħjar. Matul l-aħħar snin ta’ tmexxija Nazzjonalista, l-ekonomija internazzjonali kienet marret lura bħal granċ. Ilkoll niftakru l-bail outs ta’ pajjiżi li tniżżlu għarkupptejhom. F’dak iż-żmien, b’sens qawwi ta’ tmexxija soda, Lawrence Gonzi u l-amministrazzjoni tiegħu, ħadmu biex l-ekonomija tagħna ma tmurx lura u tieħu tisbita. Fil-fatt hekk ġara u għalkemm kienu diversi, fosthom anke esponenti Nazzjonalisti, li kienu jikkritikaw lill-Gvern ta’Lawrence Gonzi, inħoss li Lawrence Gonzi kien Prim Ministru li qeda dmiru bl-aktar b’mod integru u serju għall-ġid komuni.

L-ekonomija sejra wkoll tajjeb għaliex it-turizmu sejjer tajjeb. Għalkemm dan is-suċċess huwa mibni fuq medda ta’ żmien, tajjeb li wieħed isemmi li dan sejjer tajjeb għaliex f’pajjiżi oħra dan sejjer ħażin! Diversi turisti, b’mod partikolari dawk tal-lingwa Ingliża, qegħdin jagħżlu li jżuru lil pajjiżna għaliex f’pajjiżi oħra li s-soltu jżuru, bħalMarokk, it-Tuneżija u Spanja hemm inkwiet u theddid terroistiku. Hija t-tama li l-aħħar ġrajjiet li seħħew fostna ta’ bombi taħt il-karozzi, fosthom tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ma jwasslux għal ċerta biża’ fost it-turisti!

L-ekonomija sejra tajjeb għaliex wieħed irid isemmi li nnegozju tal-kostruzzjoni sejjer tajjeb! Għalkemm personalment jiena favur l-iżvilupp, dan l-iżvilupp jeħtieġ ikun wieħed sostennibbli. Ma jistax ikun li biex l-ekonomija tmur tajjeb nispiċċaw nitilfu l-ftit art li baqgħalna. Ma jistax ikun nispiċċaw donna ngħixu f’belt waħda! Matul dawn l-aħħar erba’ snin, il-persuni fil-kostruzzjoni donnhom saru huma li jmexxu lill-Gvern minn imnieħru! Wieħed ma għandux bżonn ħafna għerf biex ikun jaf għalfejn dan. Il-Gvern Laburista rebaħ l-elezzjoni b’ħafna wegħdiet lil persuni fil-kostruzzjoni. Biżżejjed wieħed jara listatistika ta’ kemm permessi ngħataw qabel l-aħħar elezzjoni!

Għaldaqstant bħala Viċi-Sindku ta’ San Ġiljan ma nistax naċċetta li jkun hemm aktar żvilupp enormi f’din il-lokalita’. Biżżejjed wieħed jara x’qed jimbena ġewwa Triq B’kara. Issa, anke fejn qabel kien hemm is-sala tat-tiġijiet imsejħa The Palms , qiegħed jiġi propost bini t’aktar minn 177 appartament, ħwienet u uffiċċini! Veru li dan ser idaħħal il-flus fil-but tas-sidien u talħaddiema li ser jagħmlu x-xogħlijietI MMA dan ser jirvina l-kwalita’ tal- ħajja tar-residenti tal-madwar! Dan jgħodd għal diversi lokalitajiet oħra!

F’dan il-kuntest kollu, il-Gvern Laburista qiegħed jiftaħar li mhux biss l-ekonomija sejra tajba imma li l-pajjiż qiegħed jirreġista surplus wara diversi snin. Għal darba oħra, il-Gvern Laburista jipprova jbella’ r-ross bil-labra. Għalkemm huwa minnu li l-pajjiż qiegħed jirresġistra surplus, wieħed jagħmel tajjeb li jifli dan il-fatt. Kif jgħidu l-Ingliżi: ‘the devil is in the detail’!

L-ewwel ħaġa, wieħed tajjeb li jsemmi li kien proprju l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi li kien stqarr li f’dan iż-żmien, pajjiżna kien ser ikollu possibbilta` ta’ surplus wara ħafna snin. Dan kien qiegħed jingħad minħabba ċertu deċiżjonijiet ibsin li kienu qegħdin jittieħdu dak iż-żmien u li żgur li kienu sejrin iħallu ċertu effett pożittiv fuq l-ekonomija.

It-tieni kumment li wieħed jista’ jżid huwa wkoll li jekk wieħed ma jonfoqx, allura żgur li ser jibqagħlu fil-but! Jekk wieħed ma nonfoqx il-paga kollha, żgur li fl-aħħar tax-xahar ser ikollu ferm aktar fil-but! Matul dawn l-aħħar erba’ snin, il-Gvern Laburista ma għamel l-ebda investiment fuq l-infrastruttura tal-pajjiż. Kull proġett li tlesta jew qiegħed iseħħ, fosthom il-coast road , il-junction tal-Kappara u l-entratura ta’Bieb il-Belt, huma kollha proġetti li bdew mill-amministrazzjoni Nazzjonalista! Il-Gvern Laburista sab sew is-sodda mifruxa! S’issa l-Gvern Laburista lanqas għadu ħabbar kif sejjer jonfoq id-diversi miljuni ta’ ewro li Lawrence Gonzi kien ġab proprju fl-aħħar jiem talamministrazzjoni tiegħu!

It-tielet kumment li ngħaddi fuq is-surplus huwa dak li qalet dan l-aħħar l-NSO fejn uriet li s-surplus huwa l-aktar dovut għall-bejgħ tal-passaporti! Personalment inħoss li għalkemm dan mhux sew għaliex iċ-ċittadinanza tagħna ma għandhiex tkun waħda għal bejgħ, dan il-bejgħ mhux sostennibbli. Hemm limitu. Għalkemm huwa tajjeb li wieħed ikollu l-lista ta’ dawn iċ-‘ċittadini’ ġodda, wieħed ma jistax ikompli jbiegħ iċ-ċittadinanza għas-snin li ġejjin!

F’dan il-kuntest kollu u f’dak kollu li qiegħed iseħħ f’pajjiżna, inħoss li għalkemm is-surplus ekonomiku huwa wieħed tajjeb, min-naħa l-oħra l-pajjiż għaddej minn defiċit etiku u morali! Għalkemm pajjiżna qiegħed jiġġenera l-flus, fl-istess waqt donnu li qiegħed jiftaqar sew minn dawk il-valuri li sawruh matul issnin! Inħoss li hawn surplus ta’ diżonesta’ politika. Hawn surplus ta’ egożmu u regħba sfrenata. Hawn surplus ta’ indifferenza. Hawn surplus ta’ impunità – li tista’ tgħid u tagħmel li trid. Hawn surplus ta’ suppervja politika. Hawn surplus ta’ inġustizzja soċjali.

Nagħmlu tajjeb li niftakru li l-bniedem mhux bis-surplus biss jgħix…


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 5 ta' Novembru, 2017)

4 views

Comments


BACK
bottom of page