top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Swaba' twal

Il-Maltin ta' rieda tajba ma jridux jgħixu f'pajjiż mifni bil-korruzzjoni.



Il-qarnita għandha swaba’ twal li jinfirxu ħafna.


Il-korruzzjoni hija bħal qarnita. Twassal f’diversi postijiet. Hemm korruzzjoni kbira. Hemm korruzzjoni żgħira. Il-korruzzjoni kbira tibda mill-korruzzjoni żgħira. L-ewwel pass ikun meta wieħed jispiċċa jirraġuna u jgħid: ‘U iva. Mhux xorta? Mhux kulħadd jagħmel dan?’.

Dan huwa l-ewwel pass fit-triq li twassal għal korruzzjoni kbira.

Sakemm il-bniedem huwa bniedem, il-korruzzjoni hija parti mill-ħajja. Il-korruzzjoni hija frott tal-ħażen li hemm fil-ġewwieni tal-bniedem. Għalkemm il-bniedem huwa tajjeb fih innifsu u għandu kapaċità kbira biex jagħmel it-tajjeb, fih ukoll għandu tendenza qawwija għal dak li huwa ħażin. Bejn korruzzjoni żgħira u korruzzjoni kbira hemm swaba’ twal li jippruvaw jinfiltraw f’kull post, għaqda, organizzazzjoni, partiti politiċi u anke saħansitra pajjiżi sħaħ.

F’ċerti pajjiżi, is-swaba’ twal tal-korruzzjoni huma mifruxin sew f’kull livell tas-soċjetà. F’ċerti pajjiżi, il-korruzzjoni tant hija kbira li tissejjaħ korruzzjoni istituzzjonalizzata, jiġifieri s-swaba’ tal-korruzzjoni huma fl-istrutturi kollha tat-tmexxija governattiva. Għaliex il-poter u l-flus huma cocktail perikoluż ħafna, f’ċerti pajjiżi wieħed isib partiti politiċi u politikanti li jbillu subgħajhom sew fil-borma tal-pajjiż.

Quddiem każi ta’ korruzzjoni x’wieħed jagħmel jew x’ma jagħmilx ifisser ħafna. Huwa f’dan il-mument li wieħed juri xi stoffa għandu. Politiku jew mexxej li ma jiħux azzjoni juri x’tip ta’ mexxej hu. Jekk wieħed jagħżel is-skiet, din tissejjaħ kompliċità.

Wara kważi ħames snin fit-tmexxija, il-Gvern Laburista jinsab taħt dell kbir u tqil ta’ korruzzjoni sistematika. Ma kienx hemm xahar wieħed biss li ma ħariġx skandlu ta’ korruzzjoni, żgħir jew kbir. L-aħħar skandlu ta’ għajb huwa l-istejjer li jxandru dwar Chris Cardona li jiltaqa’ u jixrob ma’ dawk li bħalissa huma akkużati bil-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia. Mhux hekk biss. L-għada tħabbar li l-bank sigriet ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri ġewwa Dubaj imsejjaħ Black 17 kien irċieva miljuni biex dawn ikunu jistgħu ’l quddiem jiġu trasferiti fil-kontijiet sigrieti fil-Panama! Tal-mistħija.

Imma quddiem dawn il-każi serji ta’ korruzzjoni sistematika ta’ issa, x’attitudni ħa l-Partit Laburista? X’qiegħed jagħmel il-Prim Ministru quddiem dawn l-akkużi serji? Filwaqt li Joseph Muscat sab ħin biex mill-Awstralja jċempel matul il-programm ‘Xarabank’ biex iħabbar l-‘għotja’ ta’ 5 miljun ewro mill-bejgħ taċ-ċittadinanza tagħna, issa spiċċa jinħeba u ma lissinx kelma!

Ħafna drabi nsibu li l-Prim Ministru fommu sieket. Ħafna drabi nsibu l-magna tal-Partit Laburista jew lil Glen jippruvaw jitfgħu l-attenzjoni tagħhom fuq ‘skandli’ oħra biex b’hekk wieħed jitfa’ l-attenzjoni fuqhom jew jaqilgħu kwistjonijiet kontroversjali. Dan rajnieh iseħħ kull meta l-Partit Laburista jispiċċa dahru mal-ħajt.

Joseph Muscat irid jifhem li meta jieħu din l-attitudni mhux biss jista’ jintefa’ dell ikrah fuqu personali u fuq kif se jibqa’ msemmi fil-kotba tal-istorja politika tagħna, imma qiegħed jitfa’ dell ikrah fuq l-Uffiċċju tiegħu, dak ta’ Prim Ministru ta’ Malta. Dan iwassal biex il-pajjiż kollu jieħu l-fama li f’pajjiżna l-korruzzjoni tirrenja. U meta jiġri dan, ħadd ma jibqa’ jafdana! Araw kif il-Qrati fil-Greċja ma fdawniex!

Sitt xhur wara l-qtil brutali ta’ Daphne u wara l-istejjer ippubblikati minn ‘Daphne Project’, jidher ċar li s-swaba’ twal tal-korruzzjoni huma preżenti sew f’pajjiżna. Dawn qegħdin bil-mod il-mod jifgaw id-demokrazija tagħna. Quddiem din ir-realtà hemm bżonn li jkun hemm ċittadini attivi. Aħna lkoll imsejħa minn pajjiżna biex inkunu ċittadini li nsemmgħu leħenna. Ma nistgħux nibqgħu ngħixu f’pajjiż fejn kollox jgħaddi u kollox jgħodd. Ma nistgħux ikollna soċjetà mibnija fuq il-korruzzjoni u l-inganni ta’ min għandu swaba’ twal. Ma nistgħux ngħixu f’soċjet. fejn dak li jħossu li huwa potenti jagħmel li jrid u jġib ruħu kif irid.

Hawn tidħol il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista. Għalkemm ilpartiti politiċi l-oħra u anke s-soċjetà ċivili kollha għandhom sehem importanti f’dan kollu, jibqa’ l-fatt li fir-realt. Partit Nazzjonalista huwa dak il-partit li jista’ ikun l-alternattiva. Imma din l-alternattiva mhix awtomatika. Il-poplu ma għandux jafda lill-Partit għaliex ‘inqas ħażin’ mill-Partit Laburista. Il-poplu għandu jagħżel lilna għax tassew jemmen u jara fina dawk il-valuri li huma tarka kontra din il-kultura tal-korruzzjoni. Dan ifisser li l-Partit ma jistax fl-ebda mument jidher li huwa kompliċi jew inkella għandu xi dell fuqu ta’ korruzzjoni. Dan ifisser li l-Partit irid ikun kuraġġuż biżżejjed biex l-abjad jibqa’ jsejjaħlu abjad u l-iswed jibqa’ jsejjaħlu b’ismu.

Dan ifisser li kull min jaħdem u jippreżenta lill-Partit għandu responsabbiltà kbira fuq spallejh. Din irresponsabbiltà hija li huwa jrid ikun jgħix verament dawk il-valuri li jkun qiegħed iwassal. Niftakru li għalkemm il-kelma tqanqal imma huwa l-eżempju li jkaxkar. Irridu nifhmu sew li l-votanti Nazzjonalisti, aktar minn votanti Laburisti, huma votanti li jafu jaraw aktar mill-ponta ta’ mneħirhom u jafu jkunu kritiċi lejn il-Partit.

Għaldaqstant, filwaqt li nagħrfu r-rwol tal-Partit Nazzjonalista fil-mixja demokratika ta’ pajjiżna, għandna

nifhmu li s-suċċess jew le tal-Partit jiddependi minna lkoll fir-responsabbiltajiet varji tagħna.

Il-Maltin kollha ta’ rieda tajba ma jistgħux ikollhom Prim Ministru li għandu s-swaba’ tal-korruzzjoni mdawrin miegħu. Il-Maltin ta’ rieda tajba ma jridux jgħixu f’pajjiż mifni bil-korruzzjoni. Il-Maltin ma jridux li pajjiżna jkun maqbud mis-swaba’ tal-qarnit.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 22 ta' April, 2018)

5 views

Comments

Couldn’t Load Comments
It looks like there was a technical problem. Try reconnecting or refreshing the page.
BACK
bottom of page