top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Taboo

Ġrajjiet li seħħew dan l-aħħar tefgħu lura l-arloġġ tal-ħidma siewja kollha li saret matul iż-żmien.



Taboo huwa l-isem tal-kanzunetta rebbieħa għall-Eurovision ta’ din is-sena. Din ġiet kantata mill-brava Christabelle Borg. Din id-diska, lil hinn min-noti mużikali, kellha messaġġ profond u qawwi.

Taboo titkellem fuq is-saħħa mentali u l-bżonn li wieħed ma jibżax jitkellem fuq dan is-suġġett. Għalkemm is-saħħa mentali hija suġġett delikat ħafna u warajh hemm tbatija kbira, il-messaġġ ta’ din id-diska kien li ma għandniex nibżgħu nitkellmu dwar dan is-suġġett.

Għal diversi snin, persuni jew familjari li għandhom jew kellhom xi membru tal-familja li jbati jew bata minn nuqqas ta’ saħħa mentali kellhom stigma, timbru għal ħajjithom kollha. Persuna b’nuqqas ta’ saħħa mentali kienet meqjusa li hija miġnuna. Il-kelma ‘miġnun’ kienet u għadha tkexkex lil diversi għaliex meta wieħed ikollu dan it-timbru/stigma, ħafna drabi jispiċċa mwarrab u mneżża’ mid-dinjità umana.

Sfortunatament, fl-imgħoddi diversi għamlu esperjenza ta’ tbatija kbira waqt li oħrajn biex jevitaw il-kundanna soċjali spiċċaw magħluqa ġo darhom! Il-ħajja għal dawn il-persuni ma kienet faċli xejn.

Progress soċjali li ma sarx f’ħakka t’għajn

Imma matul dawn l-aħħar 30 sena saru passi żgħar u kbar biex dawn il-persuni jingħataw id-dinjità umana li jistħoqqilhom. Matul dan iż-żmien, il-mentalit. tal-poplu mhux biss tjiebet, imma nbidlet b’tali mod li minflok inwarrbuhom jew naqfluhom, issa ngħinuhom u nippruvaw nintegrawhom fis-soċjetà. Is-soċjetà donnha fetħitilna għajnejna għal din irrealtà. Is-soċjetà donnha rnexxielha tara li wara l-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ saħħa hemm persuna/persuni bħalna. U għaliex huma bħalna, bħalna għandhom bżonn min iħobbhom u min jirrispettahom. U għaliex huma bħalna, bħalna għandhom is-sabiħ u t-tajjeb f’ħajjithom.

Dan il-progress soċjali ma sarx f’ħakka t’għajn imma wara sensiela ta’ ġrajjiet, fosthom minħabba żewġ fatturi prinċipali. L-ewwel fattur huwa li x-xjenza medika għamlet passi kbar u wrietna li dan il-fattur jista’ jolqot lil persentaġġ qawwi tas-soċjetà.

Il-progress mediku tefa’ wkoll dawl ġdid fuq id-depressjoni, l-istress tal-ħajja u diversi kundizzjonijiet mentali oħrajn. Min-naħa l-oħra, ix-xjenza tatna tagħrif aħjar ta’ kif wieħed jista’ jgawdi u jibża’ għas-saħħa mentali.

It-tieni fattur li għen biex ikun hemm dan it-tibdil kien proprju politika soċjali li għarfet li toħloq inizjattivi biex tintroduċi servizzi u inizjattivi li jgħollu l-livell ta’ għajxien ta’ dawn il-persuni. Politika soċjali li verament poġġiet fiċ-ċentru tal-politika lill-persuna umana, hija min hija. Dan juri li meta l-politika titħaddem sew u b’għan nobbli, din tagħmel differenza.

Is-saħħa mentali ma għandha qatt tkun ballun politiku partiġjan


Għalkemm is-saħħa mentali ma għandha qatt tkun ballun politiku partiġjan, nistqarr mingħajr tlaqliq li hawnhekk il-Partit Nazzjonalista jista’ jħares b’wiċċu minn quddiem għaliex kien partit li daħħal diversi servizzi u għajnuniet f’dan il-qasam, kemm fuq livell nazzjonali u kemm fil-komunità.

Fi żmien li donnu qegħdin niftakru aktar fl-iżbalji li forsi stajna wettaqna matul iż-żminijiet, tajjeb li napprezzaw dak it-tajjeb kollu li ħdimna għalih! Nifhmu li f’dan il-qasam, bħal f’oqsma oħra, għalkemm kien hemm dejjem x’wieħed jista’ jagħmel aħjar, il-Partit Nazzjonalista kien forza qawwija ta’ politika soċjali sana u tajba.

Għaldaqstant, f’dan il-kuntest kollu ta’ passi ’l quddiem fil-mentalità soċjali u fil-politika soċjali, nistqarr li żewġ ġrajjiet li seħħew dan l-aħħar proprju donnhom tefgħu lura l-arloġġ tal-ħidma siewja kollha li saret matul iż-żmien!

Kien xokk għalija u għal ħafna li jaħdmu fil-qasam soċjali meta wieħed jara persuni li jemmnu li jistgħu jgħaddu kumment ta’ żuffjett. Sfortunatament, dan ġara fiċ-ċelebrazzjoni tal-Karnival. Jidher li xi żgħażagħ ħassew il-bżonn li biex jifirħu kellhom bżonn idaħħqu b’min proprju għandu nuqqas ta’ saħħa mentali! Wara snin ta’ edukazzjoni u tagħrif, xorta baqa’ persuni (u dawn huma żgħażagħ li suppost huma aktar b’moħħ miftuħ u tolleranti) li jemmnu li hemm gost li twaqqa’ għaż-żuffjett lil dawn il-persuni! Żgur li dan il-ġest ġab weġgħat lil diversi, fosthom ġenituri u qraba. U kien għajb akbar li politiku żagħżugħ ipprova jiġġustifika dak li sar minflok ċanfarhom, kif fil-fatt għamlet mhux biss kollega politika tiegħu, imma saħansitra l-istess President tal-pajjiż.

It-tieni ġrajja li ġabet preokkupazzjoni kienet proprju meta persuna ħarbet mill-Isptar Mount Carmel u spiċċat mejta.

Il-politika soċjali tal-Partit Laburista falliet bil-kbir

Din hija storja ta’ nieket u swied il-qalb imma din il-ġrajja ħarġet fid-deher li sfortunatament il-politika soċjali tal-Partit Laburista f’dan il-qasam falliet bil-kbir. Wara li issa l-Partit Laburista ilu għal kważi ħames snin fit-tmexxija, kontra kull wegħda li għamel matul iż-żmien li kien fl-Oppożizzjoni, ma wettaq xejn ta’ sustanza f’dan ir-rigward. L-unika ħaġa li wettaq kienet li neħħa nies li kienu kompetenti fit-tmexxija ta’ dan il-post biex poġġa persuni li ma għandhom l-ebda kwalifika jew esperjenza!

Mhux hekk biss, lil dawk in-nurses li kienu viċin tal- Partit wegħidhom li meta jitla’ fit-tmexxija jagħtihom

transfer biex ma jibqgħux jaħdmu f’dak l-ambjent! B’hekk, dan il-post spiċċa b’nuqqas kbir ta’ nurses ! Issa, dawk in-nurses li baqa’ huma aktar f’riskju li jesperjenzaw burn out . Dan biex wieħed ma jsemmix li

ma sar l-ebda investiment ta’ sugu fil-manutenzjoni ta’ dan il-post. Dan huwa ta’ għajb għal partit li jiftaħar li huwa viċin tal-batut.

Forsi dan għaliex dawn il-persuni ma għandhomx id-dritt tal-vot? Jidher ċar li l-Partit Laburista sar aktar viċin ta’ ċerti sinjuri milli ta’ dawk li huma vulnerabbli!

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħmilha ċara li dan is-settur jagħtih id-dinjità li donnu qiegħed jitlef!

Filwaqt li nawgura lil Christabelle bil-kanzunetta Taboo , jalla din id-diska tagħtina l-ħeġġa biex ma nibżgħux nitkellmu fuq dan is-suġġett u naħdmu favur dawn il-persuni ħutna.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 25 ta' Frar, 2018)

2 views

Comments


BACK
bottom of page