Albert Buttigieg, kelliem għall-livell aħjar ta’ għajxien tal-ħajja
Ivan Castillo, kelliem għas-settur marittimu u x-xogħol
Fil-bidu ta’ din is-sena, idaħħlet taxxa ġdida fuq il-vapuri tal-merkanzija msejħa ‘Emissions Trading System’, jew fil-qosor, ETS. Din it-taxxa ġdida daħlet fil-UE biex tagħmel tajjeb għal emissjonijiet li dawn iħallu fuq l-ambjent bil-għan li sa 2030, l-UE tnaqqas l-emissjonijiet bi 53%. Dan kollu qed isir fid-dawl tat-tibdil tal-klima.
Taxxa ġdida b’konsegwenzi għal pajjiżna
Fil-prinċipju kulħadd jaqbel li l-ambjent jinsab f’periklu kbir u għaldaqsant huwa tajjeb li nibżgħu għalih. Imma kif jgħid il-Malti, ‘ma tibnix knisja billi żżarma oħra’! Filwaqt li tajjeb li nieħdu ħsieb l-ambjent, li biex nagħmlu dan irridu nħallsu prezz u nieħdu deċiżjonijiet drastiċi u forsi mhux popolari, IMMA din it-taxxa l-ġdida ser ikollha żewġ konsegwenzi għal pajjiżna.
L-ewwel konsegwenza ser tkun li diversi kumpaniji li jġorru l-merkanzija jew aħjar linji tat-tbaħħir, biex dawn jevitaw li jħallsu din it-taxxa ser jagħżlu li jmorru f’portijiet oħra li mhumiex fil-UE u jinsabu fl-Afrika fil-viċinanza tagħna, bħalma huma l-portijiet East Port Said, Tangier u Damietta. Dan jista’ jwassal biex il-Free Port jispiċċa jnaqqas il-ħidma tiegħu. Ilkoll nafu li fil-Free Port jidħlu eluf ta’ contaniers, xi 3 miljun fis-sena fuq trasbord, barra dak domestiku, li dan iwassal biex ikun hemm mijiet ta’ ħaddiema jaħdmu hemm. Inqas contaniers ifisser inqas xogħol u inqas xogħol jista’ jwassal biex il-kumpanija tnaqqas il-ħaddiema. Dan ifisser li hemm iċ-ċans li xi ħaddiema jitilfu l-impjieg tagħhom.
It-tieni konsegwenza li jista’ jkun hemm hija li fid-dawl ta’ dan kollu, l-ispejjeż biex jiġi importat l-ikel u ħwejjeġ oħra ser jogħlew. Dan għaliex kif diġa kien hemm minn stqarr, dawn iż-żidiet ser jgħaddu biex jagħmel tajjeb għalihom il-konsumatur, jiġifieri ċ-ċittadini tagħna.
Kwistjoni oħra se tkun it-telf ta’ negozju li se jseħħ minħabba din it-taxxa l-ġdida fuq l-emmissjonijiet. Il-containers li huma destinati għal Malta minn portijiet oħra, jekk jiġu devjati lejn portijiet esterni Afrikani, se jkollhom delay ta’ żmien, jiġifieri n-negozjant se jkollu jżid il-livelli tal-istocks kif ukoll il-postijiet tal-ħażna biex jassigura kontinwità tan-negozji. Dan huwa apparti miż-żieda fl-assigurazzjonijiet li se jinkorru minħabba r-riskji ogħla li dan kollu jġib miegħu. Hemm numru ta’ spejjeż esterni li se jiżdiedu wkoll bħal żidiet fil-ħlasijiet għall-użu tat-triq, għat-trejlers li jgħaddu mill-art prinċipali għall-port, liema spejjeż iridu jiġu kkunsidrati, flimkien ma’ ħafna oħrajn.
Se tkompli togħla l-ħajja
U dan xi jfisser? Dan ifisser li ser tkompli togħla l-ħajja għaliex il-prodotti impurtati ser jiswew aktar biex jinġiebu f’Malta. Galdaqstant, ser ikun hemm impatt fuq il-livell tal-għajxien ta’ diversi, fosthom dawk li huma l-aktar vulnerabbli.
Dan it-tħassib diġà ntwera’ mhux biss mic-CEO tal-Free Port, mill-Kamra tal-Kummerċ u mill-għaqda ta’ min iħaddem IMMA anke mill-istess Partit Nazzjonalista. Għal diversi xhur diversi kelliema ġibdu l-attenzjoni tal-Gvern Laburista b’dan.
Hija ħasra li l-Gvern Laburista ma għamel xejn quddiem din id-direttiva meta din kienet fi stadju ta’ proposta. Il-Gvern Laburista baqa’ ċass u ma ħa l-ebda passi biex jinnegozja deroga għal pajjiżna fid-dawl li Malta u Ċipru huma l-unika membri fl-Ewropa li huma gżejjer. Pajjiżi oħra li għandhom l-istess insularità bħal Malta imma għandhom popolazzjoni ta’ inqas minn 200,000, ġew eżentati minn din it-taxxa… għaliex deroga ma ġietx negozjat fuq l-istess linji għal Malta, meta jeżistu l-istess kondizzjonijiet? Dan ġara fil-passat u f’okkażjonijiet oħra fejn l-UE tieħu konsiderazzjoni tar-realtajiet ta’ ċertu pajjiżi membri u tagħmel eċċezzjoni jew toffri soluzzjonijiet. Imma anke hawn, il-Gvern Laburista ma għamel xejn ħlief kliem fieraħ. L-imsemmija qegħdin jaħdmu fl-interess nazzjonali, imma din hija gidba, għax kieku qegħdin jaħdmu fl-interess nazzjonali ma kienux jivvotaw favur fil-Kunsill tal-Ministri sakemm ma tiġix aċċettata deroga favur Malta!
Il-Gvern Laburista warrab il-proposta tal-PN
Fid-dawl ta’ dan kollu, ikompli joħroġ aktar ċar il-validità tal-proposti li l-PN għal diversi xhur ilu jagħmel.
Għalkemm il-PN jiġi mgħajjar li huwa partit negattiv u ma joħroġx bi proposti, il-PN mhux biss wassal proposta biex iż-żieda tal-ħajja (COLA) ma tkunx taxxata IMMA wkoll għamel proposta li jkun hemm fond nazzjonali biex dan il-fond jagħmel tajjeb għal ispejjeż loġistiċi aktar għolja.
Għaldaqstant, fid-dawl ta’ din it-taxxa l-ġdida, il-proposta tagħna għal dan il-fond tagħmel ħafna sens! Hija ħasra li l-Gvern Laburista b’sens ta’ suppervja u arroganza, warrab din il-proposta.
Nisperaw li l-Gvern Laburista jagħmel U-turn oħra u jaċċetta din il-proposta kif għamel f’diversi drabi oħra, bħal ma kellna ftit ġranet ilu, meta l-PN tkellem fuq il-bżonn li dawk li jieħu ħsieb l-anzjani għandu ikollhom livell bażiku ta’ Malti, u Robert Abela akkuża lil partit li qed inbeżżgħu, issa l-istess Ministru tal-Gvern qed jesiġi li dawn ikollhom tagħrif bażiku tal-lingwa Maltija!
Filwaqt li sab fondi biex iħallas 400 miljun lil Vitals u diversi fondi oħra għal riklami u festini kif inħareġ fir-rapport tal-Awditur Ġenerali, il-Gvern Labursita naqas li jipprevedi din is-sitwazzjoni. Fir-rejazzjoni tiegħu għal stqarrija li nħarġet mill-PN, il-Partit Laburista bħal dejjem ipprova jxewwex u jgħid li l-PN qed jaħdem kontra l-interessi tal-Malta! Min kien fil-Gvern għal dawn l-aħħar 10 snin? Min għandu r-responsabiltà li jħares l-interessi ta’ pajjiżna?
Huwa l-poplu li ser iħallas għal dan in-nuqqas ta’ kompetenza
Quddiem dan, huwa l-poplu Maltin, l-aktar dawk li huma vulnerabbli li ser iħallsu għal dan in-nuqqas ta’ ħsieb u nuqqas ta’ kompetenza.
Filwaqt li għal dawk tal-qalba, li jinsabu jiħanzru u jiffangaw bl-eluf ta’ direct orders, impjiegi fantażmi b’salarji fenominali, mhumiex ser iħossu dawn iż-żidiet, iċ-ċittadini Maltin ser ikollhom iħallsu aktar. Hija ironija liż-żidiet kollha li l-Gvern jiftaħar li ta fl-aħħar Baġit b’tant pompa diġà ttieħdu miż-żiediet tal-ikel u prodotti oħra.
Għal inkompetenza u l-arroganza tal-Gvern ta’ Robert Abela, tħallas INT.
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 14 ta' Jannar, 2024)