Pajjiż jista’ jkun pajjiż b’saħħtu jekk għandu demokrazija ħajja u attiva. Hi d-demokrazija li tiggarantixxi kwalità ta’ ħajja liċ-ċittadini.
Mingħajr demokrazija hemm biss ħakma tal-fit fuq il-ħafna. L-istorja tagħtina diversi kapitli ta’ x’jiġri meta d-demokrazija titnaqqar taħt skuża jew ohra.
Imma biex id-demokrazija tibqa’ waħda ħajja u b’saħħitha għandha bżonn li kull ċittadin ikun ċittadin attiv u mhux ċittadin passiv.
Ċittadin attiv huwa dak li jieħu interess u jsegwi dak li qed jiġri fil-pajjiż. Ċittadin attiv ma jħallix lil min jagħmel il-bżieq fuq imnieħru. Għalih, il-ġid komun jiġi I-ewwel. Fil-qosor: ċittadin attiv isemma’ leħnu b’mod I-aktar qawwi meta u fejn hemm il-ħtieġa.
Minn naħa I-oħra, ċittadin passiv joqgħod għal kollox u ma jimpurtah minn xejn, sakemm wieħed ma jmisx lil butu!
Għaliex qed ngħid dan?
F’dawn I-aħħar jiem, Robert Abela għamel I-ewwel pass fil-Parlament biex inaqqar id-dritt liċ-ċittadin (huwa min huwa) li jkun ċittadin attiv. Robert Abela beda proċess biex minflok issaħħaħ il-vuċi attiva taċ-ċittadini tagħna, irid minflok innaqqas dan id-dritt.
Sa llum, kull ċittadin li jemmen li hemm xi xamma’ ta’ korruzzjoni, skandlu jew li hemm xi persuni fi ħdan I-amministrazzjoni pubblika li wettqu, jgħinu jew għalqu għajnejhom għal frodi/korruzzjoni jista’ jitlob il-Qorti biex din tiftaħ investigazzjoni u tara li ssir il-ġustizzja.
Kien proprju b’dan il-mod li sirna nafu li kien hemm il-frodi u l-korruzzjoni fil-każ tal-Vitals/Steward, fejn il-poplu Malti ġie frodat €400 miljun!
Huwa minħabba dan id-dritt li bħalissa hemm proċessi fil-Qrati fejn numru ta’ persuni, fosthom Eks-Prim Ministru, Eks-Deputat, Eks-Ministru, Eks-Chief of Staff tal-Prim Ministru u uffiċċjali oħra fl-amministrazzjoni pubblika qegħdin jaffaċċjaw akkużi ta’ frodi, ħasil ta’ flus u korruzzjoni!
Huwa proprju minħabba dan id-dritt li Robert Abela u I-Partit Laburista jixtiequ jneħħu dan id-dritt tal-poplu… dritt li wassal li sirna nafu li f’dawk il-box files ippreżentati minn Simon Busutill ma kienux vojta jew kienu mimlija b’kaxxi tal-pizza!
Il-Qorti sabet li minn evidenza li ġiet preżentata hemm biżżejjed provi biex persuni, fosthom Eks-Ministru Konrad Mizzi u I-Eks-Chief of Staff tal-Prim Ministru, flimkien ma’ Yorgen Fenech li diġà huwa akkużat bl-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ikunu akkużati bi frodi u ħasil tal-flus rigward 17 Black u I-power station tal-Electrogass!!
Dritt imdaħħal mill-PN
Tajjeb li ngħid li dan kien dritt li kien iddaħħal mill-PN meta kien fit-mexxija, u l-ewwel persuna li għamel użu minn dan id-dritt kien Deputat Labursita fuq akkużi ta’ korruzjoni fil-FTS!
Sfortutament nistqarr li Robert Abela u l-Partit Laburista donnhom jippreferu li jkollhom ċittadini bħan-nagħaġ ta’ Bendu. Forsi biex b’hekk ikunu jistgħu jkomplu fil-kwiet fir-road map tal-korruzzjoni u tal-iskandli li matul dawn I-aħħar ħdax-il sena huma I-watermark/legat tagħhom? Nistaqsi…
Taħt skuża jew oħra, Robert Abela irid mhux biss ineħħi dan id-dritt imma anke jrid jipproteġi u jħares lil dawk il-persuni li jwettqu dan! Filwaqt li jiftaħar li jrid I-akkontabbiltà u t-trasparenza, spiċċa jipproteġi lil min qed jitħanżer u jiffanga a skapitu tagħna Ikoll. Dan ifisser li ser titwal il-lista tal-untouchbles fil-pajjiż li jħossu li jistgħu jagħmlu li jridu għaliex huma mħarsa!
Fil-qoros, donnu Robert ma jridx min ifixklu jew ikun xewka f’daru. L-iskuża li Robert Abela qed jgħid li hemm min qed jabbuża hija skuża banali għal dawk li jafu x’tgħid il-liġi li tirregola u li tħares b’numru ta’ safeguard clauses biex ma jkun hemm l-ebda abbuż.
Fil-fatt, mhux I-ewwel darba li I-Maġistrat ma laqgħax it-talba! U jekk iċ-ċittadin jħossu li ġie akkużat innoċentament, għandu wkoll mezz kif issir ġustizzja miegħu.
Nuqqas ta’ fiduċja fil-Pulizija
Lanqas ma għandu raġun il-Ministru Owen Bonnici meta jgħid li min għandu xi akkużi jmur għand il-Pulizija. Għalkemm wieħed għandu jagħmel dan, imma x’jiġri meta I-Pulizija tibqa’ idha fuq żaqqaha u l-Kummissarju tal-Pulizija jibqa’ jmexmex il-fniek?
X’jiġri meta l-istess uffiċjali tal-Pulizija li kienu maħtura biex iħarsu li ma jkun hemm I-ebda korruzzioni, ikunu huma stess involuti! F’dawn il-ġranet ħareġ li Eks-Supretendent, Raymond Aquilina, li dak iż-żmien kien uffiċjali responsabbli fuq il-ħasil tal-flus, qiegħed jaffaċċja akkużi huwa nnifsu flimkien ma’ Yorgen Fenech bħala kompliċi! Kif ċittadin jista’ jafda lil uffiċjali tal-Pulizija meta dawn saru qishom puppets tal-Gvern?
Għaldstant, nistieden lil Robert Abela u lill-Partit Laburista li minflok jnaqqru dan id-dritt, jaħdmu biex issaħħuħ! Huwa fl-interess ta’ kulħadd, inkluż tal-Prim Ministru li naraw li f’pajjiżna ma jkunx hemm min jinqeda bih biex jistagħna huwa minn fuq darna!
Din mhix kwistjoni bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. Din hija kwistjoni li tolqot id-demokrazija ta’ pajjiżna!
Nemmen li b’dak li Robert Abela u l-Partit Laburista qegħdin jippruvaw jagħmlu ser jispiċċaw inaqqru d-demokrazija biex min huwa korrott u frodist ikun jista’ jkompli jiffanga u jitħanżer minn fuq dar il-poplu Malti!
Min huwa tassew Malti u jemmen fid-demokrazija żgur li ma jistax jaċċetta dan!
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 2 ta' Frar, 2025)