top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Wieħed minna

Malta ta' ħames snin oħra se jkollha sfidi ferm differenti minn dawk tal-lum. Għaldaqstant, il-kwalitajiet tal-kap il-ġdid tal-PN iridu jkunu tajbin mhux biss għal issa imma wkoll għal li ġej.



Qiegħed nikteb dan l-artiklu wara li aktar kmieni attendejt għall-Kunsill Ġeneali Straordinarju tal-Partit Nazzjonalista li sar biex jikkonferma r-regoli l-ġodda tal-ħatra ta’ mexxej ġdid. Għalkemm nistqarr li stennejt li se niltaqa’ ma’ persuni b’denbhom taħt il-blat, forsi minħabba r-riżultat li kellna fl-aħħar elezzjoni ġenerali, minflok iltqajt ma’ diversi persuni mimlija enerġija u determinazzjoni li jħarsu ’l quddiem.

Nemmen bis-sħiħ li għalkemm huwa minnu li r-riżultat ġie bħal sajjetta fil-bnazzi u żgur li ħdimna lkoll għal riżultat differenti milli kellna, jibqa’ l-fatt li jekk verament inħobbu, mhux biss lill-Partit imma lill-pajjiż, allura għandna bżonn tassew inħarsu ’l quddiem. Malta demokratika għandha bżonn Oppożizzjoni b’saħħitha.

Dan jista’ jkun biss jekk nagħmlu għażla tajba – kif dejjem għamilna – ta’ mexxej għaqli. Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem kien kapaċi jagħżel Kap li offra viżjoni u direzzjoni ċara. L-istorja tal-Partit tagħtina ċertu serħan il-moħħ u serenità li l-Partit dejjem kapaċi jagħmel l-aħjar għażla.

Għalkemm jien ċert minn dan, tajjeb li f’dan iż-żmien li għandna naraw ukoll xi kwalitajiet għandu/ha bżonn ilmexxej il-ġdid. Tajjeb li niftakru li din l-għażla mhix qiegħda ssir biss biex jingħażel mexxej għal issa, imma anke għal dak li ġej f’ħames snin oħra. Malta ta’ ħames snin oħra se jkollha sfidi ferm differenti minn dawk tal-lum. Għaldaqstant, il-kwalitajiet tal-mexxej iridu jkunu tajbin mhux biss għal issa imma wkoll għal li ġej.

Hemm diversi kwalitajiet li wieħed jista’ jsemmi. Fosthom il-kapaċità li jkun mexxej assertiv, li għandu/ha viżjoni ċara, li jemmen f’dawk il-valuri li jsawru lil dan il-Partit, soċjali, kapaċi jwassal il-messaġġ b’mod ċar, li għandu/ha esperjenza fit-tmexxija pubblika, li għandu/ha formazzjoni politika – mhux kull min joħlom li jkun politiku, fil-fatt għandu jkun; għandu/ha sens ta’ organizzazzjoni, li jaħdem f’tim, li ma għandu l-ebda dell u li jgawdi minn ċerta maturità, integrità pubblika u personali. Dawn il-kwalitajiet u oħrajn huma kollha importanti imma personalment nixtieq insemmi żewġ kwalitajiet oħra li nistqarr li nemmen bis-sħiħ fihom. L-ewwel kwalità meħtieġa hija li din il-persuna tkun verament mexxej li kapaċi jgħaqqad lill-Partit flimkien. Bħal kull għaqda jew moviment ieħor, dejjem hemm ħsibijiet differenti. Il-PN minn dejjem kien partit li jiġbor fih persuni li jista’ jkollhom opinjonijiet differenti imma għandhom listess għan. Għaldaqstant mexxej ġdid għandu jkollu l-kariżma u l-kapaċità li jgħaqqad flimkien lil dawk li għandhom ħsibijiet differenti. Mexxej kapaċi huwa dak li jaħdem bis-sħiħ biex ilkoll inħossuna komdi fil-Partit. Mexxej tajjeb huwa dak li jagħti l-importanza lil kulħadd u ħadd ma jħossu mwarrab. Kif munita għandha żewġ faċċati u hija munita waħda, hekk ukoll il-PN.

Mexxej ġdid irid ikun kapaċi jgħaqqad ukoll flimkien mhux biss lill-membri tal-Partit imma anke lid-deputati u l-kandidati flimkien. Xi drabi nħoss u nara li hemm qasma kbira bejniethom. Xi drabi nħoss u nara li mhux kulħadd ikun smat l-istess. Xi drabi nħoss u nara li hemm ‘ċrieki ta’ ħbieb’. L-isfida tal-mexxej il-ġdid hija li mhux biss ikisser dawn iċ-ċrieki imma jwassal biex ikun hemm ċirku wieħed, tim wieħed, b’viżjoni u għan wieħed. Il-mexxej il-ġdid irid jirbaħ ukoll il-fiduċja ta’ dawk li ma vvutawlux.

Jekk aħna nistennew li l-Gvern tal-ġurnata jirrispetta u jipprova jinvolvi lil dak il-partit li jkun tilef l-elezzjoni, hekk għandu jagħmel il-mexxej il-ġdid. Is-sentimenti ta’ telfa għandhom jintużaw biex isiru sentimenti ta’ koperazzjoni u għaqda. Ma jistax ikollna mexxej li għaliex rebaħ, jispiċċa jwarrab u jitlef il-potenzjal ta’ min tilef! Ma jistax ikollna mexxej li nistennewh jirbaħ il-qlub u l-imħuħ taċ-ċittadini, Maltin kollha meta mbagħad lanqas ikun kapaċi jirbaħ il-qlub u l-imħuħ ta’ partitarji tagħna stess! Dan ifisser li mexxej ġdid irid ikun kariżmatiku ma’ kulħadd.

It-tieni kwalità hija li l-mexxej il-ġdid ikun persuna kapaċi tkun man-nies u twassal il-messaġġ tan-nies. Mexxej ġdid irid ikun l-espressjoni tal-poplu, jiġifieri persuna involuta mannies. Mexxej ġdid irid ikun jaf il-lingwaġġ tan-nies. Simon Busuttil kien iħobb ħafna jsemmi li l-PN huwa Parit tan-Nies. Għaldaqstant, il-mexxej il-ġdid irid ikun verament persuna li mhux biss kapaċi titkellem sabiħ man-nies u fuq in-nies, imma li ħadmet verament man-nies! Inħoss li għandna bżonn mexxej li jgħix fost in-nies u li kellu l-istess sfidi li kellhom u għad għandhom in-nies. Mexxej li jitkellem bil-lingwaġġ talpoplu u li għandu qalbu fost il-poplu u miegħu.

Huwa b’hekk biss li mexxej jista’ jifhem qalb u moħħ innies u japprezza s-sabiħ, l-ikrah, l-isfidi, l-aspirazzjonijiet u d-diffikultà taċ-ċittadini. Huwa b’hekk biss li jwassal biex il-politika u l-viżjoni mfassla ma tkunx waħda daqstant imfassla minn fuq xi skrivanija, imma magħmlua milli skrivanija tal-ħajja. Il-mexxej il-ġdid jeħtieġ li jkun verament ‘ħammeġ idejh’ man-nies!

Wara ħidma ta’ ’l fuq minn 30 sena fost u mal-oħrajn, inħoss li din hija kwalità li tagħmel id-differenza kollha. Ma jistax ikollna mexxej li, bravu kemm huwa bravu, ikun maqtugħ mill-ħajja normali ta’ kuljum. Filwaqt li nsellem u nirringrazzja lil Simon Busuttil għall-ħidma siewja tiegħu fi ħdan il-Partit, ħerqan li naħdem ma’ mexxej ġdid li verament huwa wieħed minna.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 2 ta' Lulju, 2017)

0 views

Comments


BACK
bottom of page