top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Ċrieki fi ċrieki

Il-politiku veru ma jista' jkun fi 'ċrieki' ta' ħadd. Jekk jagħmel dan, faċli jiddaħħal fil-but, hekk kif ġralu l-Gvern Laburista.



Alfred Sant kellu u għad għandu kapaċità li ħsieb komplikat jiġbru f’espressjoni sempliċi imma fl-istess waqt profonda. Fost id-diversi espressjonijiet li kien juża dak iż-żmien insibu l-famuża espressjoni ta’ ‘ċrieki fi ċrieki’. Għal Alfred Sant dan kien ifisser li ċirku ta’ ħbieb jinsab f’ċirku ieħor ma’ ħbieb oħra. Biex ikompli jispjega ruħu aħjar, Alfred Sant kien juża l-espressjoni l-oħra: ‘ħbieb tal-ħbieb’. Kulħadd kien jifhem għalxiex qiegħed jalludi. Skontu, dawn kienu l-‘barunijiet’ il-ġodda.

‘Ċrieki fi ċrieki’ u ‘ħbieb tal-ħbieb’ huma espressjonijiet li juru sitwazzjoni meta l-korruzzjoni taħkem id-deċiżjonijiet politiċi u lill-politiċi. Sfortunatament, matul l-istorja politika tal-pajjjiż, dan mhux l-ewwel darba li seħħ. Dan wassal għal politika maħmuġa. Din hija sitwazzjoni meta persuni b’interessi personali u ambizzjużi jfittxu li jsiru ‘ħbieb’ ma’ dawk li huma fl-awtorità. L-għan ta’ din il-‘ħbiberija’ jkun biss, dak li jakkwistaw.

Xi drabi din il-‘ħbiberija’ twassal għal xi kuntratt dirett ta’ xogħol, anke jekk wieħed ma jkunx kwalifikat għalih. Drabi oħra dan iwassal għal xi għotja ta’ xi servizz, anke jekk wieħed jaqbeż lil ħaddieħor. U xi drabi dan jista’ jwassal biex jinħareġ xi permess għall-bini ta’ xi torri jew bini ieħor, anke jekk l-istudji tal-impatt fuq l-ambjent tal-madwar ma jsirux! Fil-qosor, il-‘ħbieb’ li jinsabu fi ‘ċrieki ta’ ċrieki’ ma jimpurtahomx mill-ġid komuni. Għalihom, l-aqwa huwa li jħaxxnu aktar buthom.

Dan huwa periklu serju fit-tħaddim tad-demokrazija ta’ pajjiż. Dawk li huma fiċ-‘ċrieki tal-ħbieb’ huma susa tal-poplu demokratiku.

Il-korruzzjoni fil-politika kienet minn dejjem u se tibqa’ wkoll. Sakemm hemm il-bniedem, hemm ir-regħba u l-gula. Imma l-korruzzjoni vera sseħħ meta wieħed mhux biss ma jagħmel xejn dwarha imma donnu jagħti l-impressjoni li din hija normali jew meta wieħed direttament jew indirettament ikun parti minnha. Dan iwassal biex il-politiku jispiċċa ‘fis-sodda’ ma’ min huwa korrott.

Jekk kliemt a’ Alfred Sant kien jagħmel sens fl-imgħoddi, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qiegħed isir attwali. Matul dawn it-tliet snin, il- Gvern Laburista tebba’ ġieħu diversi drabi b’każ ta’ korruzzjoni wara ieħor.

Il-każ tal-iskandlu tal-Panama huwa l-akbar każ ta’ korruzzjoni li tebba’ ġieħ dan il-Gvern. Il-Gvern waqt li stqarr li qiegħed jieħu deċiżjonijiet ibsin, fir-realt. kulħadd jaf li ma għamel xejn.

Fiċ-‘ċirku tal-ħbieb’ insibu wkoll li l-kumpanija NexiaBT, li ħamest ijiem wara l-elezzjoni ġenerali bdiet tiftaħ il-kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom Keith Schembri u Konrad Mizzi jitfgħu senserija, kienet ukoll il-kumpanija li tat il-parir biex jintgħażel il-konsorzju għall-bini tal-power station li jiswa €420 miljun. F’din il-kumpanija li se tibni din il-power station insibu li Tumas u Gasan għandhom sehem qawwi.

Iċ-‘ċrieki tal-ħbieb’ ikomplu jikbru meta ftit tal-jiem ilu jingħataw permessi għal bini esaġerat ta’ torrijiet għoljin fl-Imrieħel u f’Tas-Sliema fejn mill-ġdid, il-Gruppi Tumas u Gasan, huma mdaħħlin sew. Issa ħareġ ukoll li l-ajruplani li bihom il-Prim Ministru qiegħed jagħmel titjiriet diretti hemm involuti wkoll mhux biss NextiaBT imma anke Tumas Group!

Nagħmlu tajjeb li niftakru dak li kien qal Anġlu Farrugia ftit qabel l-elezzjoni meta stqarr li ma jħossux komdu meta jara ċerti kuntratturi u negozjanti telgħin fir-raba’ sular.

Nagħmlu tajjeb ukoll li niftakru dak li kiteb il-Ministru Bartolo meta stqarr li kien ikun mistieden għal ċerti laqgħat soċjali li matulhom kienu jiġu diskussi ċerti proġetti kbar. Il-Ministru Bartolo kien raġel biżżejjed li ma reġax mar!

Il-politiku veru ma jista’ jkun fi ‘ċrieki’ ta’ ħadd. Jekk jagħmel dan, faċli jiddaħħal fil-but, hekk kif ġralu l-Gvern Laburista. Iċ-ċittadini onesti ma jistgħux iżommu siekta quddiem dan kollu. L-indifferenza tagħti forza akbar lil min huwa fiċ-ċirku tal-korrotti.

Iċ-ċittadin obbligat fil-kuxjenza li jsemma’ leħnu. Ma nistgħux inkomplu ngħaddu l-messaġġ lil uliedna li kollox jgħaddi, kollox jgħodd u kollox jista’ jinxtara bi prezz.

Nemmen li l-onestà u l-integrità politika ma għandhomx prezz. Mhumiex għall-bejgħ.

Nippreferi nitlef l-elezzjoni milli ‘nbigħ’ l-integrità politika tiegħi.

Huwa tassew ironiku li dawk li fl-imgħoddi saħnu tant u tkellmu fuq ‘il-ħbieb tal-ħbieb’ spiċċaw issa jiddefenduhom! Donnhom jinsew li l-‘barunijiet’ tal-imgħoddi huma l-istess ‘barunijet’ tal-lum. Id-differenza hija biss fuq liema ‘baqra’ qegħdin jaħilbu!

Inħossni kburi meta nisma’ lil Simon Busuttil jistqarr li huwa determinat li l-PN taħt it-tmexxija tiegħu mhu se jkun fil-but ta’ ħadd! Id-determinazzjoni ta’ Simon Busuttil għandha tkun l-ispirazzjoni tagħna lkoll.

NB: Fid-dawl tal-fatt li qiegħed insemmi lil Afred Sant, nixtieq inwassal il-kondoljanzi tiegħi lilu u lill-familja kollha tiegħu għall-mewt tal-għażiża ommu.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 28 ta' Awwissu, 2016)

1 view

Comentários


BACK
bottom of page